Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Stqarrija tal-istrateġija tal-politika monetarja tal-BĊE

  1. Il-perjodu ta’ inflazzjoni baxxa u ż-żieda qawwija fl-inflazzjoni wara l-pandemija jenfasizzaw l-importanza ta’ strateġija tal-politika monetarja li tippermetti lill-Kunsill Governattiv jirrispondi b’mod effettiv għal bidliet maġġuri fl-ambjent tal-inflazzjoni. Il-bidliet strutturali li jinsabu għaddejjin, id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, id-demografija, it-theddida għas-sostenibbiltà ambjentali u l-bidliet fis-sistema finanzjarja internazzjonali jissuġġerixxu li l-ambjent tal-inflazzjoni se jibqa’ inċert u potenzjalment aktar volatili, b’devjazzjonijiet akbar fil-miri fiż-żewġ direzzjonijiet, li joħolqu sfidi għat-twettiq tal-politika monetarja. L-arkitettura finanzjarja aktar reżiljenti – appoġġata minn progress fir-rigward tal-unjoni tat-tfaddil u l-investimenti, it-tlestija tal-unjoni bankarja u l-introduzzjoni tal-euro diġitali – ukoll se tappoġġa l-effettività tal-politika monetarja f’dan l-ambjent li qed jevolvi.
  2. L-istrateġija tal-politika monetarja tal-BĊE hija kemm iggwidata kif ukoll marbuta mill-mandat mogħti lilu mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-għan ewlieni tal-BĊE hu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro. Mingħajr preġudizzju għall-għan tal-istabbiltà tal-prezzijiet, l-Eurosistema għandha tappoġġa l-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni Ewropea bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dawn l-għanijiet jinkludu tkabbir ekonomiku bilanċjat, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna li timmira għal impjieg sħiħ u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent. L-Eurosistema għandha tikkontribwixxi wkoll għat-tmexxija bla xkiel tal-politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mas-superviżjoni prudenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.
  3. Il-Kunsill Governattiv jikkonferma li l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) jibqa’ l-kejl xieraq tal-prezzijiet għall-valutazzjoni tal-kisba tal-għan tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Madankollu, il-Kunsill Governattiv ikompli jkun tal-fehma li l-inklużjoni fl-HICP tal-kostijiet relatati ma’ djar okkupati mis-sid għandha tirrappreżenta aħjar ir-rata tal-inflazzjoni li hija relevanti għall-unitajiet domestiċi. Għalhekk, fil-valutazzjonijiet tiegħu tal-politika monetarja, il-Kunsill Governattiv iqis il-miżuri tal-inflazzjoni li jinkludu stimi tal-kost ta’ djar okkupati mis-sid bħala kontroverifiki utli fis-sett usa’ tiegħu ta’ indikaturi supplimentari tal-inflazzjoni.
  4. Buffer tal-inflazzjoni ’l fuq minn żero fil-mija jipprovdi politika monetarja bi spazju għal tnaqqis fir-rata tal-imgħax fil-każ ta’ żviluppi negattivi u marġni ta’ sigurtà kontra r-riskju ta’ deflazzjoni permezz tal-impatt pożittiv tagħha fuq il-livell ta’ tendenza tar-rati tal-imgħax nominali. B’mod partikolari, il-limitu l-aktar baxx effettiv fuq ir-rati tal-imgħax nominali jirrestrinġi t-twettiq tal-politika monetarja f’każ ta’ xokkijiet deflazzjonarji sinifikanti. Il-faċilitazzjoni tal-aġġustament makroekonomiku u intersettorjali fi ħdan iż-żona tal-euro, ir-riġiditajiet nominali ’l isfel u l-preġudizzju fil-kejl ukoll jiġġustifikaw buffer ta' inflazzjoni.
  5. Il-Kunsill Governattiv jivvaluta li l-istabbiltà tal-prezzijiet tinżamm l-aħjar billi timmira għal inflazzjoni ta’ tnejn fil-mija fuq żmien medju. L-impenn tal-Kunsill Governattiv għal din il-mira huwa simetriku. Is-simetrija tfisser li l-Kunsill Governattiv iqis id-devjazzjonijiet negattivi u pożittivi minn din il-mira bħala ugwalment mhux mixtieqa. Il-mira ta’ inflazzjoni ta’ tnejn fil-mija tipprovdi ankra ċara għall-aspettattivi tal-inflazzjoni, li hija essenzjali biex tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet.
  6. Biex tinżamm is-simetrija tal-mira tal-inflazzjoni tiegħu, il-Kunsill Governattiv jirrikonoxxi l-importanza ta’ azzjoni tal-politika monetarja li tkun b’saħħitha jew persistenti b’mod xieraq b’risposta għal devjazzjonijiet kbar u sostnuti tal-inflazzjoni mill-mira fi kwalunkwe direzzjoni, sabiex jiġi evitat li d-devjazzjonijiet isiru stabbiliti permezz ta’ aspettattivi tal-inflazzjoni deankrati. Fil-każ ta’ xokkijiet diżinflazzjonarji sinifikanti, il-limitu l-aktar baxx effettiv fuq ir-rati tal-imgħax nominali jeħtieġ li jiġi kkunsidrat. Fil-każ ta’ xokkijiet inflazzjonarji sinifikanti, in-nuqqas ta’ linearitajiet possibbli fl-iffissar tal-prezzijiet u l-pagi jeħtieġ li jiġi kkunsidrat.
  7. Il-Kunsill Governattiv jikkonferma l-orjentazzjoni fuq terminu medju tal-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu. Dan jippermetti devjazzjonijiet inevitabbli tal-inflazzjoni fuq żmien qasir mill-mira, kif ukoll dewmien u inċertezza fit-trażmissjoni tal-politika monetarja għall-ekonomija u għall-inflazzjoni. Il-flessibilità tal-orjentazzjoni fuq terminu medju tqis li r-rispons xieraq tal-politika monetarja għal devjazzjoni tal-inflazzjoni mill-mira huwa speċifiku għall-kuntest u jiddependi fuq l-oriġini, il-kobor u l-persistenza tad-devjazzjoni. Mingħajr preġudizzju għaż-żamma tal-aspettattivi ankrati tal-inflazzjoni, din tippermetti wkoll lill-Kunsill Governattiv fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-politika monetarja biex jakkomoda konsiderazzjonijiet oħrajn li huma relevanti għas-segwitu tal-istabbiltà tal-prezzijiet.
  8. Il-BĊE huwa impenjat li jistabbilixxi l-politika monetarja biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira ta’ tnejn fil-mija fit-terminu medju. L-istrument primarju tal-politika monetarja huwa s-sett tar-rati tal-politika tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv jista’ juża wkoll strumenti oħrajn, kif xieraq, biex jidderieġi l-pożizzjoni tal-politika monetarja meta r-rati tal-politika jkunu qrib il-limitu l-aktar baxx jew biex jippreżerva l-funzjonament bla xkiel tat-trasmissjoni tal-politika monetarja. Dawn l-istrumenti jinkludu operazzjonijiet ta’ rifinanzjament għal terminu itwal, ix-xiri ta’ assi, ir-rati ta’ imgħax negattivi u l-gwida għall-ġejjieni. Il-Kunsill Governattiv se jkompli jirrispondi b’mod flessibbli għall-isfidi ġodda hekk kif ifeġġu u se jikkunsidra, skont il-ħtieġa, strumenti ġodda tal-politika hekk kif isegwi l-objettiv tiegħu tal-istabbiltà tal-prezzijiet, kif muri mill-introduzzjoni tal-Istrument ta’ Protezzjoni tat-Trażmissjoni fl-2022. L-għażla, id-disinn u l-implimentazzjoni tal-istrumenti se jippermettu rispons aġli għax-xokkijiet ġodda u se jirriflettu b’mod xieraq l-għanijiet maħsuba, kemm il-kalibrazzjoni tal-pożizzjoni tal-politika monetarja jew il-protezzjoni tat-trażmissjoni tal-politika monetarja, soġġett għal valutazzjoni komprensiva tal-proporzjonalità.
  9. Il-Kunsill Governattiv jibbaża d-deċiżjonijiet tal-politika monetarja tiegħu, inkluża l-valutazzjoni tal-proporzjonalità tad-deċiżjonijiet tiegħu u l-effetti sekondarji potenzjali, fuq valutazzjoni integrata tal-fatturi rilevanti kollha. B'mod partikolari, din tqis mhux biss l-aktar perkors probabbli għall-inflazzjoni u l-ekonomija iżda wkoll ir-riskji u l-inċertezzi assoċjati, inkluż permezz tal-użu xieraq ta’ analiżijiet tax-xenarju u tas-sensittività. Il-valutazzjoni integrata tibni fuq żewġ analiżijiet interdipendenti: l-analiżi ekonomika u l-analiżi monetarja u finanzjarja. Fi ħdan dan il-qafas, l-analiżi ekonomika tiffoka fuq żviluppi ekonomiċi reali u nominali, filwaqt li l-analiżi monetarja u finanzjarja teżamina indikaturi monetarji u finanzjarji, b’enfasi fuq l-operazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni monetarja u r-riskji possibbli għall-istabbiltà tal-prezzijiet fuq terminu medju minn żbilanċi finanzjarji u fatturi monetarji. Ir-rwol mifrux tar-rabtiet makrofinanzjarji fl-iżviluppi ekonomiċi, monetarji u finanzjarji jeħtieġ li l-interdipendenzi fiż-żewġ analiżijiet jkunu inkorporati għal kollox. Dan il-qafas jirrifletti l-importanza tal-monitoraġġ kemm tal-mekkaniżmu ta’ trasmissjoni kif ukoll tal-effetti sekondarji potenzjali tal-kalibrazzjoni tal-istrument tal-politika monetarja u r-rikonoxximent li l-istabbiltà finanzjarja hija prekundizzjoni għall-istabbiltà tal-prezzijiet. F’dan ir-rigward, ir-reżiljenza tas-settur finanzjarju hija kundizzjoni neċessarja għall-prevenzjoni ta’ kunflitt potenzjali bejn l-istabbiltà tal-prezzijiet u dik finanzjarja. Il-Kunsill Governattiv jivvaluta b’mod sistematiku l-interazzjonijiet bejn il-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja f’intervalli regolari.
  10. It-tibdil fil-klima għandu implikazzjonijiet profondi għall-istabbiltà tal-prezzijiet permezz tal-impatt tiegħu fuq l-istruttura u d-dinamika ċiklika tal-ekonomija u s-sistema finanzjarja. L-indirizzar tat-tibdil fil-klima huwa sfida globali u prijorità tal-politika għall-Unjoni Ewropea. Fi ħdan il-mandat tiegħu, il-Kunsill Governattiv huwa impenjat li jiżgura li l-Eurosistema tqis bis-sħiħ, f’konformità mal-għanijiet u l-objettivi tal-UE, l-implikazzjonijiet tal-bidla fil-klima u d-degradazzjoni tan-natura għall-politika monetarja u l-attività bankarja ċentrali.
  11. Il-komunikazzjoni ċara tad-deċiżjonijiet tal-politika monetarja u r-raġunament tagħhom permezz tal-istqarrija tal-politika monetarja, il-konferenza stampa, il-Bulettin Ekonomiku u l-kont tal-politika monetarja tappoġġa l-effettività tal-politika monetarja tal-BĊE. Dawn il-prodotti huma kkumplimentati minn verżjonijiet f'saffi u viżwalizzati tal-komunikazzjoni tal-politika monetarja mmirati lejn il-pubbliku aktar wiesa’, li huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-pubbliku jifhem u jafda fl-azzjonijiet tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv se jkompli jadatta l-approċċ tiegħu b’risposta għax-xenarju ta’ komunikazzjoni li qed jevolvi.
  12. Il-Kunsill Governattiv beħsiebu jivvaluta perjodikament l-adegwatezza tal-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu, bil-valutazzjoni li jmiss mistennija fl-2030.