Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jżid il-ħidma klimatika b’enfasi fuq it-tranżizzjoni ekoloġika, il-klima u r-riskji relatati man-natura

30 ta' Jannar 2024

  • Iż-żieda fl-impatt tal-kriżi klimatika fuq l-ekonomija u s-sistema finanzjarja tixpruna l-ħtieġa għal aktar azzjoni
  • Il-BĊE jafferma mill-ġdid l-impenn għal azzjonijiet klimatiċi kontinwi u se jirrevedihom regolarment
  • Tliet oqsma ta’ fokus biex jiggwidaw il-ħidma għall-2024 u l-2025: l-implikazzjonijiet tat-tranżizzjoni ekoloġika, l-impatt fiżiku tat-tibdil fil-klima, u r-riskji relatati man-natura għall-ekonomija u s-sistema finanzjarja

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jespandi l-ħidma tiegħu dwar it-tibdil fil-klima, filwaqt li jidentifika tliet oqsma ta’ fokus li se jiggwidaw l-attivitajiet tiegħu fl-2024 u fl-2025:

  1. l-impatt u r-riskji tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, speċjalment l-ispejjeż ta’ tranżizzjoni assoċjati u l-ħtiġijiet ta’ investiment;
  2. l-impatt fiżiku dejjem jiżdied tat-tibdil fil-klima, u kif il-miżuri għall-adattament għal dinja aktar sħuna jaffettwaw l-ekonomija;
  3. ir-riskji li jirriżultaw mit-telf u d-degradazzjoni tan-natura, kif jinteraġixxu mar-riskji relatati mal-klima u kif dawn jistgħu jaffettwaw il-ħidma tal-BĊE permezz tal-impatt tagħhom fuq l-ekonomija u s-sistema finanzjarja.

“Klima aktar sħuna u d-degradazzjoni tal-kapital naturali qed jisfurzaw il-bidla fis-sistema ekonomika u finanzjarja tagħna. Irridu nifhmu u nlaħħqu ma’ din il-bidla biex inkomplu nwettqu l-mandat tagħna”, qalet il-President tal-BĊE Christine Lagarde. “Billi nwessgħu u nintensifikaw l-isforzi tagħna nistgħu nifhmu aħjar l-implikazzjonijiet ta’ dawn il-bidliet u, b’dan il-mod, ngħinu biex nirfdu l-istabbiltà u nappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja.”

Għal dan l-għan, ġew miftiehma l-miżuri konkreti li ġejjin.

  • Dwar it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, il-BĊE se jintensifika l-ħidma tiegħu fuq l-effetti tal-finanzjament tat-tranżizzjoni, il-ħtiġijiet ta’ investiment ekoloġiku, il-pjanijiet ta’ tranżizzjoni u kif it-tranżizzjoni ekoloġika taffettwa aspetti tal-ekonomija tagħna bħalma huma x-xogħol, il-produttività u t-tkabbir. Ir-riżultati se jinfurmaw ukoll il-qafas ta’ mmudellar makro tal-BĊE. Barra minn hekk, il-BĊE se jesplora, fi ħdan il-mandat tiegħu, il-każ għal aktar bidliet fl-istrumenti u l-portafolli tal-politika monetarja tiegħu fid-dawl ta’ din it-tranżizzjoni.
  • Dwar l-impatt fiżiku dejjem jikber tat-tibdil fil-klima, il-BĊE se japprofondixxi l-analiżi tiegħu tal-impatt ta’ avvenimenti estremi tat-temp fuq l-inflazzjoni u s-sistema finanzjarja, u kif dan jista’ jiġi integrat fix-xenarji klimatiċi u l-projezzjonijiet makroekonomiċi. Se jivvaluta wkoll l-impatt potenzjali tal-adattament, jew in-nuqqas tiegħu, għat-tibdil fil-klima fuq l-ekonomija u s-settur finanzjarju, inklużi l-ħtiġijiet ta’ investiment relatati u d-diskrepanza fil-protezzjoni tal-assigurazzjoni.
  • Dwar it-telf u d-degradazzjoni tan-natura, il-BĊE se janalizza r-rabta mill-qrib mat-tibdil fil-klima, u l-implikazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji assoċjati. Se jkompli jesplora wkoll ir-rwol tal-ekosistemi għall-ekonomija u s-sistema finanzjarja.
  • Fir-rigward tal-operazzjonijiet tiegħu stess, il-BĊE se jniedi t-tmien Programm ta’ Ġestjoni Ambjentali tiegħu biex jappoġġa l-kisba tal-miri tiegħu għat-tnaqqis tal-karbonju għall-2030. Flimkien mal-Eurosistema kollha, il-ħidma tiegħu se tinkludi prinċipji tal-ekodisinn għas-serje futura ta’ karti tal-flus tal-euro u tinkorpora kunsiderazzjonijiet dwar l-impronta ambjentali fid-disinn ta’ euro diġitali li bħalissa qiegħed fil-fażi ta’ tħejjija.

Id-deċiżjoni li jiżdiedu l-isforzi f’dawn l-oqsma ssegwi r-rendikont mill-BĊE tal-azzjonijiet klimatiċi tiegħu mit-tnedija tal- aġenda klimatika tiegħu għall-2022, u aġġustament tal-pjan ta’ ħidma tiegħu fid-dawl tal-ambjent li qed jinbidel u t-titjib fid-disponibbiltà u l-metodoloġiji tad-data.

Il-ħidma ppjanata għal dawn l-oqsma ta’ fokus se tikkomplementa l-azzjonijiet attwali tal-BĊE relatati mal-klima fil-kompiti kontinwi tiegħu, inklużi l-politika monetarja u s-superviżjoni bankarja. Il-BĊE se jtejjeb l-indikaturi tiegħu relatati mal-klima, il-monitoraġġ tar-riskju u d-divulgazzjonijiet, u se jkompli jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ politiki relatati mal-klima f’fora Ewropej u internazzjonali. B’ħarsa ’l quddiem, il-BĊE jibqa’ impenjat li jirrieżamina regolarment dawn l-azzjonijiet biex jiżgura li huma adattati għall-iskop tagħhom u jikkontribwixxu għat-twettiq tal-mandat tiegħu.

Ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-programm ta’ ħidma ppjanat għall-2024 u l-2025 tinsab fl-Anness (bl-Ingliż) u aktar informazzjoni tinsab fuq is-sit web tal-BĊE.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-media, il-persuna ta’ kuntatt hija Verena Reith, tel.: +49 69 1344 5737.

Noti

  • Il-BĊE għandu jqis l-effetti tat-tibdil fil-klima fit-twettiq tal-kompiti tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu. Barra minn hekk, mingħajr preġudizzju għall-għan tiegħu ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, il-BĊE għandu jappoġġa l-politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni Ewropea, bl-għan li jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ protezzjoni u titjib fil-kwalità tal-ambjent. Dan jinkludi l-għanijiet tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Skont l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-BĊE huwa meħtieġ ukoll li jintegra r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tiegħu.
  • Il-BĊE introduċakunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fil-qafas tal-politika monetarja tiegħu wara r-rieżami tal-istrateġija tiegħu fl-2021.
KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja